minn Peter Dacoutros
Ingredjenti:
Ingredjenti għall-għaġina
- 750g dqiq plain
- 350g butir
- 250g zokkor
- 4 isfra tal-bajd
- Qoxra ta' lumija maħkuka
Ingredjenti għall-mili
- 600g lewz mitħun
- 600g zokkor
- Qoxra ta' lumija maħkuka
- Abjad ta' 4 bajdiet
Metodu:
Għarbel id-dqiq fi skutella. Żid il-butir u ħallat mad-dqiq sakemm it-taħlita issir qisha frak tal-ħobż fin. Żid iz-zokkor u l-qoxra tal-lumija u ħawwad sew. Żid l-isfra tal-bajd, ħawwad sew imbagħad agħġen l-għaġina fuq daqsxejn dqiq għal ftit minuti. Ħalli l-għaġina toqgħod għal madwar 20 minuta.
Iftaħ l-għaġina fuq daqsxejn dqiq u aqta’ f' forom li tixtieq int. Ikollok bżonn par forom ta' għaġina għal kull figolla. Ħallat il-lewż maz-zokkor u l-qoxra tal-lumija. Żid l-abjad tal-bajd u ħawwad sakemm ikollok taħlita magħquda. Poġġi madwar żewġ imgħaref, jew iżjed, mit-taħlita fuq forma ta’ l-għaġina. Xarrab it-truf ta’ l-għaġina b'daqsxejn ilma. Poġġi forma oħra fuqha, u għafas sew b'subgħajk biex tissiġilla sew il-figolla. Kompli bl-istess mod bil-kumplament ta’ l-għagina u l-mili.
Poġġi l-figolli fuq pjanċi midluka u aħmi ġo forn moderat għal jaħraq għal madwar 35 minuta, jew sakemm jieħdu kulur dehbi sabiħ. Oħroġ il-figolli mill-forn u ħalli jibirdu sew.
Jiena nippreferi niksi u nżejjen il-figolli biċ-ċikkulata u b'xi bajda zgħira ta’ l-Għid, milli b'ħafna ġelu li fl-aħħar mill-aħħar se' jintrema. Biex tiksu il-figolla biċ-ċikkulata, użaw iċ-ċikkulata plain skura. Ħolluha 'banju maria' u iksu il-wiċċ u ġnub tal-figolla. |