minn Peter Dacoutros
Ingredjenti:
Għall-għaġina
- 450 g dqiq plain
- Niskata melħ
- 225g butir mhux mielaħ
- 2 imgħaref corn oil
- 6 imgħaref zokkor
- 2 kuċċarini kannella
- Ilma kiesaħ biex tgħaqqad
Għall-mili
- 800g irkotta
- 6 bajdiet separati
- 150g zokkor
- Qoxra ta' lumija maħkuka
- 6 imgħaref Anisetta
- Kuċċarina kannella
- Ftit qoxra tal-lumi biex iżżejjen
Metodu:
Għarbel id-dqiq mal-melħ u l-kannella fi skutella. Żid il-butir, u b'sikkina qattgħu f'biċċiet. Għaġen il-butir mad-dqiq sakemm it-taħlita issir bħal frak tal-ħobż fin. Żid iż-żejt u ħawwad sew, imbagħad żid iz-zokkor. Żid biżżejjed ilma kiesaħ biex tkun tista’ tagħġen l-għaġina li m'għandiex tkun xotta jew ratba iżżejjed. Poġġi l-għaġina fuq daqsxejn dqiq u kompli għaġen għal madwar 3 minuti. Gerbeb l-għaġina ġo 'cling film' u ħalliha toqgħod f'post frisk għal madwar 30 minuta. Idlek forma tonda tat-torti jew tal-flans bil-butir u għaddi ħafif bid-dqiq. Iftaħ l-għaġina fuq daqsxejn dqiq u iksi l-qiegħ u l-ġnub tal-forma bl-għaġina.
Poġġi l-irkotta fi skutella u għaffiġha sew b'furketta. Żid l-isfar tal-bajd, iz-zokkor u l-qoxra tal-lumi. Ħawwad sew sakemm tara li t-taħlita saret bħal krema. Żid l-anisette u ħawwad sew.
Ħabbat l-abjad tal-bajd sakemm isiru xkuma. Żid din l-ixkuma mat-taħlita ta’ l-irkotta. Ħawwad ħafif, ħafif, u poġġi din t-taħlita fil-forma ta’ l-għaġina. Illixxa l-wiċċ tat-taħlita sew, imbagħad ferrex il-kannella minn ġo passatur zgħir.
Aħmi ġo forn moderat għal ftit jaħraq għal madwar 45 minuta jew sakemm tara li t-torta tkun saret. Oħroġ mill-forn u ħalliha tibred. Oħroġ it-torta mill-forma u poġġiha fuq platt li tkun ser isservi fih. Tista żżejjen il-wiċċ tat-torta bi ftit qoxra tal-lumi.
|