96.5 FM Radju Lauretana
GozoNews.com:
It-tieni Gwerra Dinjija sikret fid-demm. Xerditu, ċapsitu u ċċafalset fih minn rasha sa qiegħ saqajha. Żeffnet u sqiet lil kulħadd: min sqietu kus sa l-aħħar qatra, u 'l min dewqitu qatriet il-qrusa u l-imrar li taf iġġib qerda li tiknes bi xkupa fina!

Bħal diversi baħħara merkantili, missieri Ġużepp, kien jinbarka minn Cardiff, meta faqqgħet il-Gwerra. Dan kien ifisser li hu u sħabu ma setgħux jiġu lura lejn Malta, għax it-trasport bl-art waqaf ħesrem, billi l-Italja kienet kontrina; u fula f'qargħa biex timbarka ma' vapur li seta jidħol Malta.

F'kelma waħda, ommi Pawla, sabet ruħha trabbi familja ta' ħames ulied ċkejknin, għal kollox weħidha; tgħix biss mit-tama' li żewġha, għad xi darba, jitfaċċa quddiemha! Aħna konna ngħixu fid-dar, numru tletin, fil-bidu ta' Triq Fuq il-Għajn, kważi kantuniera ma' Triq Simirat. Ftit passi 'l isfel, kien jaqsam dit-triq, il-Wied ta' Simirat: wied li dak iż-żmien kien għadu għal kollox fl-istat naturali tiegħu! Fix-xitwa kien dejjem ifawwar bi gliegel t'ilma jserrpu għal ġoċ-ċawsli, fejn illum hemm il-Fontana, fi triqithom għal Wied tal-Qasab, mnejn mbagħad jinbelgħu mill-bahar.

Mela din kienet id-dar sempliċi tagħna: b'kamra isfel u għorfa fuqha, b'setaħ mikxuf u loġġa miftuħa għal ġo bitħa ċkejkna, b'naqra ta' mandra, b'lumija u larinġa, u anke qatgħa mdawra bil-wajar għal erba' tiġiġiet. Il-mandra kellha ħajt tas-sejjieħ mgħola raġel u nofs. Fil-kantuniera tal-bitħa, missieri, megħjun minn Salvu n-Naqqa, kien ħaffer spiera, għax ma ħamilx lil ommi tqandel il-bramel tal-ilma fuq rasha, minn fuq il-Għajn tal-Wied. Ma ninsewx li dak iż-żmien, dawk li kellhom vit id-dar, kienu jingħadu fuq is-swaba'.

Ommi, bħan-nisa ta' żmienha, kienet mdorriha tbakkar għall-quddiesa tad-dlam, jiġifieri dik tal-Paternoster, li kien idoqq fl-erba' ta' fil-għodu; għax, kienet tgħidlek, li fid-dawl ħsibijietha jixxerrdu, u ma tkunx taf li semgħet quddies! Wara l-quddiesa u dik il-belgħa kafe tas-sajran, mħawra biċ-ċikwejra u xi msiemer tal-qronfol, kienet tiftaħ il-bieba tal-bitħa, għolja mal-erba' filati u maqfula b'ganġetta, biex tagħlef il-kelba, u tibda timla l-banjijiet tal-ilma mill-ispiera.

Billi darna kienet maqtugħha għaliha weħidha ġol-wied, li fid-dalma ta' iljieli xitwin kont tistħajlek mdawwar bl-iħirsa, ommi dejjem b'xi kelb tal-għassa fil-mandra. L-ewwel li niftakar kienet kelba tal-għarab, li xi ħadd ġab lil missieri minn Tunis. Kienet tabilħaqq selvaġġa, u għalhekk forsi qatt ma tajnieha isem. Bqajna dejjem nirriferu għaliha bħala "il-kelba". Daż-żmien kull meta niftakar fiha, bla ma rrid tiġi f'moħħi l-kanzunetta, "A Horse With No Name", għax tabilħaqq hekk kienet din il-kelba li ġiet mid-deżert tat-Tunisija! Ommi lilna qatt ma ħallietna nersqu lejha. Bi nhar araha torbotha b'katina, taħt ix-xriek fejn kienet taħsel il-platti; u bil-lejl maħlula, tiġri fil-bitħa u ġol-mandra, tinbaħ ma' l-iċken ħoss ta' min ipassi minn taħt il-ħajt. Ma niftakarx biex mietet, imma niftakar li ommi ma damitx ma ġabet ġerwa kannella, sufija, qisha volpi Ingliż! Tant ma kellhiex x'taqsam mal-kelba ta' qabilha, li ommi mill-ewwel tatha l-isem ta' "Pupa." U fuq din Pupa se nkompli dan ir-rakkont!

Għidna li wara l-quddies, ommi kienet ta' kuljum ittella' l-ilma mill-ispiera, waqt li aħna, il-ħames uliedha kien ikun għadna noħolmu bil-ftajjar ta' qamħ jinten mtella' mill-vapuri mgħarrqin fil-Port il-Kbir. Sadattant, ommi kienet ukoll taħsbilna għal ħalib. Dik il-ħabta kollox kien skars. Kurun, raħħal min-Nadur, kien ta' kuljum jinżel ibiegħ il-ħalib. In-nies donnha ma kienx ikollha sabar tistennieh, u ħafna kienu jitilgħu, bil-bott tal-landa f'idejhom, sa taħt it-tomba taċ-ċimiterju tan-Nadur, biex ikunu minn ta' l-ewwel li jixtru. Ommi ma kenitx tissogra tmur u tħallina weħidna. Allura għal din il-biċċa xogħol indaħlet Karmni, il-mara ta' ħuha. Din kienet toqgħod ftit passi 'l isfel Fuq il-Għajn. Meta Karmni kienet tasal taħt il-ħajt mal-mandra tagħna, għal xi l-ħamsa ta' fil-għodu, kienet mdorriha tgħajjat 'l ommi. "Pawl, jien tiela'" tiġbor il-bott tal-ħalib t'ommi, minn wara l-purtiera tal-bieb ta' barra, u tibqa sejra.

Ġara, li jum wiehed, din Karmni kellha xi ħjiel ta' bawxata x'tirrakonta u baqgħet hemm tpaċpaċ. Pupa, il-kelba, dan it-treddin ta' għodu, għodu, ma tantx niżlilha ħelu, dejjaqha u tajjarha mill-friex. Qabżet b'salt għal fuq il-ħerza tal-ispiera, mnejn kienet mdorriha titla' fil-kantuniera tal-ħajt tas-sejjieh, biex tinbaħ għal dak li jkun. Iżda dak inhar ġibitha żewġ, għax kienet siegħetha l-ħażina! Kif qabżet fuq il-ħerża, ma sabitx il-bieba tas-soltu. Ommi kien għadha timla l-ilma, u l-ispiera kienet miftuħa! L-imsejkna Pupa sabet ruħha tgħum f'ilma kiesaħ xi sittin pied fil-vixxri ta' l-art. Bil-qatgħa li ħadet, u bl-għajta li għajtet ommi, Karmni ħasbet, li ommi kienet waqgħet fl-ispiera, u bdiet taqbeż u tixher bħal miġnuna.

X'ġin it-tnejn ikkalmaw xi ftit, ommi fetħitilha l-bieb ta' barra, u flimkien ħabblu rashom biex jaraw x'seta jsir. Reġgħu marru t-tnejn jittawlu fl-ispiera, li kien għadha miftuħa. Dlam ċappa, u ħsejjes xejn! Ommi niżżlet il-barmil u bdiet ixxenglu, u ma kull xengila isejjaħ lil Pupa. "Isa, Pupa, itla go fih!" X'ħin iż-żegħil ma ġabx riżultat, ommi bdiet taħseb li Pupa mad-daqqa setgħet għerqet.

Hawn nqala' t-tieni ntopp: jekk tħalli kelba mgħarrqa hemm isfel, kif ittella' l-ilma għax-xorb, għat-tisjir, għall-ħasil, u mitt ħaġa oħra fejn jidħol l-użu tal-ilma! L-għażla waqgħet fuq ġuvnott ta' sbatax il-sena, li kien joqgħod fil-qrib. Pawlu il-lajlott kien tifel kuraġġuż, u li jinżel fi spiera żgur kienet biċċa ħobż għall-snienu. Jgħidu lilu. Imma Pawlu kien jaħdem mad-dgħajjes tal-Pass, u kien ġa ħareġ mid-dar mal-Paternoster, kif għamlet ommi. Paċenzja! Tistenna sat-tlieta ta' wara nofs inhar, x'ħin jiġi lura d-dar. X'tagħmel! Għall-Kunsill mhemmx Magħmul. U hekk kellha tagħmel! Tistenna.

Kif qomna, ommi tatna l-kafe bil-ħalib bħas-soltu, mbagħad bdiet, qisha mbikkma, tirrakkontalna x'ġara lil Pupa: kelma, kelma, sa ma spiċċat li l-kelba forsi setgħet mietet, u ġa qiegħda fil-ġenna tal-klieb! Qaltilna wkoll li ħalliet il-bieba tal-ispiera miftuħa, għal li jista' jkun. Widbitna serjament li ħadd minna m'għandu jiftaħ il-ganġetta tal-bieba tal-mandra, u iktar u iktar jersaq lejn l-ispiera, għax ikun hemm belliegħa, li kif nittawlu, taħtafna u tiblagħna għal isfel. Kelmet ommok għalik vanġelu, tibża', u ma tersaqx 'l hemm. Hi kienet kultant tmur tara tilmaħx xi ħaġa, waqt li tgħidilna li l-belliegħa lilha ma tiġbidhiex għax tqila.

Wasal wara nofs inhar. Waslet it-tlieta, u ommi laqgħet lil Pawlu f'ras it-telgħa ta' Simirat, u qaltlu b'kollox qabel laħaq tela' d-dar. Ta' eroj li kien, ried jiġi u jinżel. Ommi qaltlu biex imur id-dar u jieħu l-permess tal-ġenituri, u forsi jistrieħ ftit ukoll. Il-ġenituri, li ġa kienu jafu l-istorja, xtaquh jgħin, minn qalbhom.

Mela Pawlu ġie, xammar il-qliezi sa taħt rkobbtejh, Tela' l-ħerża, fetaħ idejh u saqajh sa laħħaqhom fit-toqob fil-ġnub tal-ispiera, u f'ħakka t'għajn għeb hemm isfel. Ommi bil-ħabel tal-barmil f'idha, biex jekk Pawlu isib xi ħaġa tgħinu itellagħha. Aħna l-ħamsa, 'l ġewwa mill-bieba msakkra, qisna bejta għasafar jistennew minn iżoqqhom b'xi aħbar!

Wara xi diskors l' għadda bejn Pawlu u ommi, stajna nifhmu li ma ra u ma sab xejn. L-ebda ċaqlieq t'ilma, l-ebda ħoss. Mank tinwieħa! Imma Pawlu ssokta jgħid li ma' wiċċ l-ilma kien hemm mina għal ħażna tal-ilma, li kienet kemmxejn fonda 'l ġewwa, u seta' kien li Pupa daħlet fiha. Jekk kien hekk, bix-xokk li kellha ma kienet qed tagħmel l-ebda ħoss.

Pawlu tela' ggranfat mat-toqob, waħda, waħda, bil-mod, sa ma' tfaċċa fil-ħerza. Ommi tgedwed xi talb lill-Madonna, ma nafx taħt kemm il-titlu, biex tħarsu mit-tiġrib. Billi Pawlu kellu saqajh u idejh għasra u bit-tajn, u kien sar il-ħin, iddeċidew li l-għada malli jiġi mix-xogħol, jerġa' jagħti salt ieħor. L-iktar, jekk għerqet, għandha mnejn titla' f'wiċċ l-ilma!

Għaddew lejl u nofs ta' nhar ohra ta' agunija għal Ommi, tħammem fuq Pupa; jekk hix ħajja jew mejta, Pawlu hux se jirnexxielu jġibha, għax jekk le, addijo ilma iżjed mill-ispiera, u erġa' ibda it-tqandil ta' bramel mill-Għajn.

Qorbot, mela, is-siegħa tal-avventura, u Pawlu deher ġej kollu ħeġġa; llum b'qalziet qasir, għax, qal, li t-twil il-bieraħ fixklu, u mn' Alla li t-talb t'ommi nstama'.

L-istess ritwal tal-bieraħ u Pawlu dlonk għeb fil-ħofra. Iżda llum kellu torċ, fil-but ta' wara tax-xorts. Wasal ma' wiċċ l-ilma, qala' t-torċ mill-but, u ppuntaha għal ġol-mina. Toħroġ 'l għaġeb, hemm kienet il-kelba, mgeddsa f'tarf ir-rokna. Id-dawl fuq wiċċha ħasadha, u bdiet tingħi.

Mat-tinwieħ, ommi bkiet bil-ferħ, u aħna minn wara l-bieba dħalna kor magħha. Bilġri ġabet qoffina u rat kif għamlet rabtitha mal-barmil, u niżżlet kollox lil Pawlu, Pawlu, sadatant, kien ġibed ħelu, ħelu, lil Pupa mill-mina; li bejn l-għeja, il-ġuħ u x-xokk, m'għamlet l-ebda reżistenza. Poġġiha fil-qoffa, u ta' sinjal lil ommi biex terfa'. Naqra, naqra, bit-tarjola ddur nofs dawra ma' kull ġibda, deher il-barmil u miegħu il-qoffina b'Pupa għasra ġo fiha. Ommi għamlet sinjal lil ħija l-kbir, Loretu, biex jiftaħ il-bieba u jiġi jieħu lil Pupa mil-qoffa.

Loretu tar għal ħdejn il-qoffa, ħaddan lil Pupa, li għamlitu għasra bit-tixrib li kellha, flimkien mal-bews li bih laqitu. Kif sabet ruħha ħielsa, qabżitlu minn idejh u bdiet iddur u taqgħad fil-bitħa, tferfer, kif jagħmlu l-klieb biex titfarfar mill-ilma. U lkoll kemm aħna ngħajtu: "Pupa. Pupa!" u naqbżu bil-ferħ.

Lil Pawlu ommi ma nsietux. Newlitlu dik ix-xiħaġa tas-soltu f'idu u telaq ferħan bħalna lkoll, li kollox spiċċa b'wiċċ il-ġid. Pupa damet għal ma nafx kemm snin tgħix kuntenta magħna, u wara din il-ġrajja konna iżjed infisduha, sa ma wasal il-jum li ħallietna. Naf li ħa postha, kelb iehor ta' l-istess razza, dan kemxejn iżjed għoli fuq saqajh. Jackie, għax hekk semmejnih, kien ukoll kelb ferrieħi li miegħu qattajna ħafna ħin ta' kuntentezza, tul iż-żmien li qagħad magħna.

Dan kien żmien meta l-Liġi bdiet tafgħas il-ponn biextara li kull kelb jew kelba fir-raħal jiġu reġistrati l-Għassa, u lis-sid tinagħtalu medalja li kellha tidendel m'għonq l-annimal, biex jekk ikun fit-triq, il-Pulizija tkun taf ta' min hu. Il-ħlas tar-reġistrazzjoni kien ta' tmintax irbiegħi, jiġifieri tnax il-ċentezmu u ħames milleżmi fis-sena. Ommi dehrilha li dawk żejda, u li lil Jackie m'għandhiex tirreġistrah, l-ewwel, għax ma kenitx qed iżommu b'kapriċċ, imma ghal bżonn, u t-tieni għax dak inhar, bi tmintax irbiegħi kienet titma' familja ta' ħamsa kważi għal ġimgħa sħiħa.

Insomma, n-nies magħrufa, u l-Pulizija ma damitx ma xammet bil-kelb tagħna. Meta għadda ż-żmien tar-reġistrazzjoni, is-surġent ma' pulizjott ieħor kienu jiġu jagħmlu r-ronda biex jaraq jekk xi kelb mhux miktub jinbaħx kif jgħaddu minn ħdejn xi dar. B'hekk ikollhom il-provi biex jistgħu jieħdu passi kontra dak li jkun.

Ommi kienet tkun "all eyes and ears," kif jgħidu l-Ingliżi, għal xi passi tqal tas-Servizz biex fil-pront issejjaħ lil xi ħadd minnha ħalli bilġri jitla' b'Jackie fil-kċina tas-setaħ, u joqgħod bih msakkar hemm fuq. Jekk il-kelb jipprova jinbaħ, kellna fil-pront nżommulu ħalqu magħluq sa ma jgħaddu l-pulizija, u l-periklu jgħib!

Imma hawn jidher li ġa ftaħt episodju minn storja ġdida, li m'għandu ebda konnessjoni dwar Pupa. Mela aħjar nieqfu! Forsi xi darba għad tis'mgħuni nirrakkonta ukoll din il-ġrajja tassew ħelwa.



Francis Sultana
Għajnsielem
08/08/2007
Radio Schedule Recipes Podcasts Subscribe to Mailing List