Pinu… Pinu! Kont nitfa ta’ tifel, x’aktarx mistħi, meta smajt dil-kelma għall-ewwel darba. Għal ħoss tagħha t-tambur ta’ widnejja ġġiegħed u tkemmex, bħal meta titfa’ ċagħqa żżiġġ f’wiċċ l-ilma. It-tregħid tal-kelma rreġistra b’tant qawwa f’moħħi li bla ma naf, kont nsib ruħi ntaqtaq minn taħt l-ilsien: “Pinu..Pinu!”
Daqsxejn ta’ tfajjel mgerrex, mrobbi fil-wied tas-Simirat, ma setax ikollu ħjiel tas-Santwarju f’ġieħ il-Madonna taħt dan it-titlu, u iktar u iktar ma jaf xejn fuq Karmni Grima jew Franġisk Portelli. X’aktarx li anqas biss kien sama’ bl-irħula lil hinn mir-Rabat, bħal l-Għarb, San Lawrenz u l-Għasri. Imma il-kelma “Pinu” meta semgħha laqtitu fil-laħam il-ħaj. Tant għaoġbitu, li kien ilissinha iżjed mis-Sliema u l-Qaddisa, u kien ukoll jipprova jsaffar żewġ noti li jaqblu magħha.
Tistgħu taħsbu kif, meta ġuvnott, wegħdu fenek ta’ l-Indi, u l-għada ġabulu biex irabbih, fil-pront sejjaħlu Pinu. U l-imsejken ta’ fenek baqa’ jġorr dan l-isem tul għomru. Hawn qed nitħadtu, għal ħabta ta’ Mejju, tal-elf, disa’ mija u tnejn u erbgħin; meta f’dak ix-xahar, żewġ ajruplani Ġermaniżi tat-tip Messerchmidt. Ħabtu għal vapur Royal Lady, li kien sorġut mal-moll, u għarrquh.
Fil-Gwerra, jiġifieri t-Tieni waħda Dinjija, li aħna għixniha, il-Gvern kien ħaffer ix-xelters biex in-nies tistkenn fihom waqt xi ħbit mill-ajru, li kien ikollna ta’ spiss. Uħud, li kellhom fejn iħaffru xi xelter privat u setgħu jagħmlu dan, tħajru. In-nannu Franġisk, tal-Barumbara, kien ġa ħalliena; imma uliedu ħadu l-inizjattiva biex fil-Barumbara jħaffru xelter bejniethom. Għażlu biċċa kollha pal tal-bajtar u f’nofsha sewwa qatgħu roqgħa, mnejn bdew iħaffru ‘l isfel għat-taraġ li kellu jkun bil-kisra, m’ ħabba l-blast ta’ xi bomba li setgħet taqa’ fil-bokka. Raw li x-xogħol kien miexi b’pass ta’ nemla, u qabbdu kuntrattur. Dan ġab żewġ baqquniera gwappi, li malajr qatgħu kuritut qasir, u bdew il-kmamar, waħda għal kull familja, jiġifieri erbgħa, għax daqshekk kellu ulied miżżewġa, joqgħodu Għajnsielem. Tnejn oħra kien ħallihom ‘urajh ix-Xagħra, ġa miżżewġin.
Mal-baqquniera, il-kuntrattur kellu ukoll lil Ġianni, il-ġuvnott li wegħdni u ġabli l-fenek ta’ l-Indi. Dan Ġanni kien il-jum kollu jimla qoffa wara qoffa bit-terrapien, u kif jimlihom (forsi kien hemm daqs għaxart iqfief) il-baqquniera jistrieħu ftit mill-qtigħ, biex itellgħu l-qfief bit-terrapien ‘l barra.
Il-kmamar f’malajr tlestew, u ġew għal bokka tal-ħruġ li kellha tagħti għall-Wied. Din thaffret tant baxxa, li wieħed kellu jitkaxkar biex jgħaddi minnha. Naħseb li saret hekk biex ma tkunx tagħti wisq fil-għajn, billi wieħed sata’ jsib ruħu fil-Barumbara jekk jidħol minnha.
Ta’ tfal li konna, aħna, il-kuġini kollha , din il-blokka kienet għors għalina, deħlin u ħerġin, imma wisq nibża’ illi kieku kellha tiġri disgrazzja, u t-taraġ tad-dħul jimblokka, ma nafx kemm ommijietna kien sa jkollhom il-ħila u l-kuraġġ jitkaxkru minn din n-naqra ta’ toqba!
Jekk kelli xi biża’ mill-Gwerra, l-logħob mal-kuġini f’din it-toqba, u l-miġja ta’ Pinu, il-fenek ta’ l-Indi fostna, nissieni kollox. Pinu kien għadu żarmuġ meta ġabuli Ġianni. Kien ikkulurit bħal fniek ta’ l-Indi l-oħra: ħafna abjad b’roqgħa sewda u oħra oranġjo u widnejn trasparenti. Imma kellu xi ħaġa li tispikka, li fniek ħutu ma kellhomx. Siequ jew aħjar idu l-leminija, kienet bla swaba’. Ġianni qalli li għandhom Pinu kien mitluq fil-maqjel man-ngħaġ, meta nagħġa rifsitu, u s-swaba’ t’idu nixfulu. Fuq hekk, donni iktar nġbidt lejh u veru ħabbejtu.
Jien, li kont nieqes mill-imħabba ta’ missier, għax msiefer, ħassejtni nagħmilha ta’ missier putattiv għal Pinu u l-imħabba li kelli għal xi ħadd li ma kontx għadni niftakru sawwabtha kollha fuq Pinu. Fil-Gwerra konna neqsin minn kollox, imma l-iktar li konna nħossu kien in-nuqqas ta’ ħobż. Kemm kont nixtieq nagħti lil Pinu difer ħobż mixwi, mill-biċċa daqs galletta li kien imissna mal-kafe. Imma aħna lkoll, jekk kienet taqagħlna fraka fuq il-mejda, arana nbillu subgħajna l-werrej b’daqsxejn rieq, biex mbagħad bit-tixrib nistadu din il-farka ħobż għal ġo ħalqna, tant konna nkunu bil-ġuħ! B’hekk Pinu t-togħma tal-ħobż l-anqas biss sata’ joħlomha, la mixqija, la iebsa, u wisq anqas friska.
Fix-xitwa kont noħorġu fil-wied jiekol il-ħaxix. Ma kellix għax norbtu, għax kien drani sew. Kemm nwerżaq kif jagħmel hu, u arah jiġi ħdejn sieqi. Il-ħaxix niexef kien jogħġbu wkoll, għad li kien idum jomogħdu. X’ħin ndaħħlu ġewwa, kont nerħih ma’ l-erba’ tiġiġiet li kellha ommi. Bil-lejl kien jorqod f’xi waħda mill-bejtiet fejn ibidu t-tiġieġ. X’ħin ommi kienet tgħassed xi żewġ idejn nuħħala lit-tiġieġ, Pinu kien joħroġ iteftef imma t-tiġieġ kif jarawh erħilhom iqaqu u jibdew initfu fih b’munqarhom sa ma jkollu jiġri jistaħba f’xi toqba, li hu stess ikun ħaffer fid-demel.
Kont ngħaddi s-sigħat miegħu. Ħija il-kbir, Loretu, kien għamilli karettun żgħir, minn listi rqaq tal-injam li hu stess kien naqqax minn biċċa għuda. Kien qisu karettun ta’ veru, bil-lasti u bis-salib, b’fus bir-roti maqtugħin minn rukkell tal-ħajt. Kellu biċċa spaga mal-lasti, li kont ngħaddiha minn għonq Pinu. X’ħin immissu biex jimxi, araħ jiġbed dan l-imbierek karettun. Kelli wkoll landa minn dawk li dik il-ħabta kienu jiġu bil-kavalli fiz-zalza. Kienet landa ovali, twila xi għaxar ċentimetri. Meta ommi kienet tiftaħ xi waħda minnhom, kienet taħsilha sew, mbagħad tagħmlilna toqba b’musmar fit-tarf ovali, biex ndaħħlu spaga u nilagħbu bihom. Konna nimlewhom bi ftit trab u noqogħdu nġorruh, taparsi fil-karettun. Lil Pinu kont norbotlu l-ispaga biex iġorrli l-landa, u jien nimbottahielu minn wara biex ngħinu.
Bosta mit-tfal kellhom grazzja ma Pinu tiegħi, lkoll bl-imħatra lil min ħa nisilfulu għal ftit biex iġorlu l-landa tiegħu. Hekk kien il-logħob tat-tfal ta’ żmieni. Nilagħbu fi trab mimli mikrobi, mis-sebħ sad-dlam. Minnu konna x’aktarx nlaqqtu ħafna nfezzjonijiet, speċjalment f’għajnejna. U t-trakoma tiddandan u tixxala!
Sadatant, xi tfal kien irnexxielhom jakkwistaw xi fenek ta’ l-Indi, bħal ma kelli jien. Konna mmorru bihom fil-wesgħa tal-Wied ‘l fuq mill-Arkata, fejn hemm mogħxa ġmielha. Hemm konna nħalluhom jirgħu fil-ħaxix. Wara ntellquhom, bħal kieku kienu żwiemel. Naturalment, Pinu qatt ma sata’ jieħu l-ewwel, jew forsi jiġi minn ta’ quddiem, għad li kien jagħmel l-almu tiegħu kollu, għax idu l-leminija kienet iżżommu. Ta’ tfal li kont, kont nħallas ġidi u narah jiġi l-ewwel. Hu, miskin, kien kieku jistinka biex jaqtagħli xewqti. Fl-ahhar ta’ kull tellieqa kien iwerżaqli dik il-wiq, wiq, wiq tiegħu, donnu jrid jgħidli: “b’daqshekk x’ġara billi ma nieħdux l-ewwel! L-aqwa li jien nħobbok, u int tħobbni wkoll; mhux hekk! U verament konna nifhmu lil xulxin. Naqbdu bilġri mill-art, nħaffnu bejn idejja, u nbusu, u nbuslu, u nbuslu wkoll idu l-leminija, kemxejn qasira, u bla swaba’. U Pinu jsir kobba! Joqgħod kutu, kutu f’idejja ġwejjed, bla jiċċaqlaq, għajr dik il-wiq, ,wiq, wiq tiegħu, qisu qed jgħidlu grazzi ta’ kemm tieħu ħsiebi u tħobbni.
Iżda bħal ma jiġri lil kull maħluq, għodwa waħda Pinu qam magħdur, pilu wieqaf xewk, xewk, flok mieles bħas-soltu u ġismu rogħda waħda. Għajnejh dehru miksura u f’daqqa ħfief fil-pis. Sa filgħaxija qabditu ukoll d-dijareja. Ommi bdiet taħseb biex tneħħih minn mat-tiġieġ, li ma jmorrux jimirdulha. Pinu ma tahiex żmien taħsibha, għax sa fil-għodu kien iebes stanga, ġo bejta tat-tiġieġ. Bilġri dħalt u ġibtu minn hemm. Mort bih fil-mandra u għamiltlu ħofra taħt il-larinġa. Inżilt ‘l isfel xi filata. Poġġejtu fiha. Ommi tatni biċċa ċaruta minn fardal qadim, u għattejtu biha. Sibt ġebla kemxejn lixxa u qegħidtha fuq iċ-ċaruta, mbagħad żidt il-ħamrija sa ma t-toqba, jew qabar ta’ Pinu mtela. Nfqajt f’bikja kif tifel bla ħjiena jaf jibki, sa ma d-dmugħ ħasilli wiċċi.
Wara bis-saħħa ta’ ħija l-kbir, Loretu, sammarna biċċtejn injama, forma ta’ salib, li waqqafnieh fuq il-ħofra, mdawra b’xi ħaxix u żewġ wardiet tas-sardinell. Kont ta’ kuljum nersaq lejn il-Ħofra b’bott tal-landa f’idi, mimli ilma biex nisqih fir-roqgħa fejn dfint lil Pinu. Din l-ideja kienet ħarġet biha ommi. Naħseb li naf kif ġibitha, imma hawn mhux il-waqt li wieħed joqgħod jidħol fid-dettal. Ġegħlitni ukoll nidħol fejn it-tiġieġ b’pompa tal-flitt u nifflitja kullimkmien, speċjalment il-bejta fejn miet Pinu. Tgħidli qalbi, kieku kellha tidħol is-Sanita, kienu joqtlu t-tiġieġ u jiffumigaw il-post kollu!
Hekk spiċċa Pinu, l-ewwel u l-aqwa annimal favorit li kelli. Għad li tul ħajti kelli, u għad għandi annimali li għożżejt, bħal, ngħidu aħna, “Dusty”; kelb li jħobbni, jisma’ minni, u jifhimni, ħadd ma jisboq lil Pinu! Għax kif jgħid il-Malti: Bħal ta’ l-ewwel, la tiżra u anqas tħawwel!
Francis Sultana
Għajnsielem
15/08/2007 |
|